21 ta’ Settembru 2010
miktub minn Bjorn James Cassar

Fil-21 ta` Settembru 2010, għalina ż-Żrieraq taż-ŻAK kienet ġurnata memorabli għaliex fiha ħdimna u tellajna programm imżewwaq. L-attività bdiet tiffunzjona fis-2.30 ta` wara nofsinhar fejn ġew żgħażagħ minn ċentri differenti taż-ŻAK fejn dawn kellhom Treasure Hunt madwar iż-Żurrieq fejn kien hemm għaxar stands li jirrappreżentaw pajjiż partikolari fosthom Italja, Franza, Spanja, Greċja, Malta u oħrajn kif ukoll żewġ stands fiż-ŻAK. F`kull stand kien hemm tliet tipi ta` ikel li jirrappreżentaw il-pajjiz kif ukoll logħob minn dak il-pajjiż. L-attività kompliet billi aħna ż-żgħażagħ tajna qima lil Alla b`quddiesa bħala ringrazzjament ta` din l-attività. Fl-aħħar u mhux l-inqas spiċċajna b`festin żgħir, b`mużika li tgħoġob liż-żgħażagħ fejn dawn komplew jiċċelebraw f`atmosfera ta` ferħ.
Din l-attività ma kinitx daqshekk faċli li tittella` f`ħakka t`għajn. Kien hemm ħafna mħuħ u xogħol wara din l-attività bħal: permessi biex jitpoġġew fl-istands, l-istruzzjonijiet tat-Treasure Hunt, ir-rigali ta` minn rebaħ it-Treasure Hunt, xiri ta` ikel li tqassam fuq kull stand kif ukoll l-ilma li ngħata waqt id-dħul ta` reġistrazzjoni minn kull żagħżugħ, bosta prattika ta` mużika u kant kif ukoll arranġament tal-mużika, għamilna posters fejn tqassmu kważi ma’ Malta kollha biex nagħmlu reklam għal din l-attività (fejn sewa ħafna), indafa ma kullimkien fejn domna sa nofs il-lejl kif ukoll fil-ġurnata tal-attivià komplejna nissieltu biex inżommu kullimkien pupilla. Ħafna minna bakkarna kmieni biex inlestu l-ikel, nirringrazjaw ukoll li dawk li tawna l-benefiċċju li jżommulna l-ikel kif ukoll jsaħnulna l-ikel, preparamenti fuq kull stand, diversi laqgħat mal-leaders biex ikomplu jgħinuna fix-xogħol li nkun qegħdin nagħmlu, il-quddiesa, is-sound man u ħafna nies oħra li taw l-għajnuna tagħhom u mingħajr l-għajnuna tagħhom ma kinitx iseħħ.
B`din l-attività li tellajna għenna li insiru ftit indipendenti kif ukoll li naħdmu fi grupp ta` mhux iktar minn ħames persuni fuq kull stand. Fejn kull wieħed u waħda minnha kellna rwol differenti fejn riedna nispjegaw il-logħob, inġibu u nqasmu l-ikel u npartu l-envelop mal-grupp li ġie fuq l-istand. Din l-attività għenet ukoll liż-żgħażagħ li ġew minn ċentri differenti biex waqt it-Treasure Hunt jsir djalogu, jiċċajtaw bejniethom kif ukoll iġelhom jsiru ħbieb.
Kienet attività li fiha ħriġna ta` suċċess kbir għalkemm dejjem xi irqaqat żgħar jinqalaw. Ma fadalli xejn iktar x’inżid ħlief, li meta nerġgħu nagħmlu attività oħra, sintenti b`tema differenti, tkun ta` suċċess kif kienet din.