25 – 26 t’Awissu 2010
miktub minn Michela Barbara
Nhar l-Erbgħa 25 t’ Awissu, bakkarna kmieni biex fit-8:00am nitilqu miż-Żurrieq għal Kamp Sajf, li kellu jsir fl-iskola tax-Xgħajra. Biex inkun onesta, ma nafx il-ħin preċiż li fih wasalna, għax sa dak il-ħin kont għadni mejta bi ngħas!
Dħalna u tfajna l-basktijiet f’sala kbira fejn mill-ewwel bdejna nagħmlu ħbieb ma’ dawk li kienu fil-kamra magħna, hekk jew hekk xorta kien ħa jkollna bosta okkażjonijiet oħra fejn insiru nafu iktar lil xulxin, fosthom waqt il-workshops. Peress li konna minn bosta rħula differenti bħal: Żurrieq, Ibraġġ, Swatar u Birkirkara u ferm iktar, qasmuna fi gruppi fejn ma kellna lil ħadd magħna mill-istess ċentru biex ikunu aktar żguri li nissoċjalizzaw naqra!
F’dawn il-gruppi li fihom qasmuna, tawna nagħmlu xi ħidmiet, u li mingħajr l-għaqda ta’ bejnietna u tolleranza reċiproka ma stajniex nirnexxu. Tgħallimna wkoll bosta żifniet bħal-”Waka Waka” u l-”Belgian Dance”, u trid tarana ta!, kulħadd jidħak u jieħu gost flimkien, solidi – qisna familja waħda. U l-ewwel ġurnata għaddiet f’leħħa ta’ berqa, u għalkemm il-leaders għaddew l- isbaħ passata bina (wara li bellgħuwilna li m’hemmx ilma fis-showers u għamlulna “night games” bla sens), spiċċaw biex qajmuna fis-sagħtejn ta’ filgħodu biex jgħidulna li dan kollu kien ċajta u li issa kienu ser isiru l-proprja “night games” ( u li fihom ħadna buzz ta’ vera
)
U nsomma, wasal it-tieni jum, fejn għamilna iktar logħob u riflessjonijiet kif ukoll kellna quddies bis-sehem ta’ kulhadd kif ukoll iktar workshops fejn saħħaħna iktar il-ħbiberija ta’ bejnietna. Għalaqna bit- tajjeb wara dawk l-ikliet, logħob, (tindif!) u ħbieb ġodda li għamilna, fosthom anke leaders
Imbagħad sar il-ħin, ippakjajna kollox u fis-6:00pm kellna nitilqu lura lejn id-dar.
Kienet esperjenza sabiħa immens u li mhux ser ninsa qatt! Issa x’ nagħmlu?, mhux nistennew Kamp Sajf tas-sena d-dieħla jew?!
- Michela Barbara